Snap tixtieq tagħtik is-setgħa li titgħallem dwar id-dinja u tiddeverti ma' Snapchatters oħra. Fuq Sejjieba u Spotlight ngħinuk tagħmel hekk billi nuruk kontenut addattat għalik, l-aħħar aħbarijiet jew kontenut uniku ieħor li nemmnu li jista' jogħġbok. Din mhix biċċa xogħol ħafifa u għalhekk ħloqna sett ta' regoli kreattivi biex nagħżlu x'kontenut nuruk. Issa se nfehmuk pass pass dwar dak li nagħmlu aħna u nippersonalizzaw u nsarbtu l-kontenut ta' Sejjieba u Spotlight!
1. Kif Nippersonalizzaw u Nsarbtu l-Kontenut ta' Sejjieba u Spotlight
Billi l-ebda tnejn min-nies mhuma l-istess, nużaw algoritmi maħsuba biex nippersonalizzaw u nsarbtu l-kontenut ta' Sejjieba u Spotlight. Aħna nemmnu li l-kontenut jogħġbok u jkun jgħodd għalik iktar meta jkun addattat għall-ħwejjeġ li jogħġbuk, mhux għal dak li jogħġob lil ħaddieħor.
Allura xi jkun algoritmu? Fi ftit kliem, algoritmu huwa sett ta' regoli li jekk timxi magħhom se jsewwulek problema jew jgħinuk b'xi ħaġa. Ir-riċetta tal-qagħaq tal-għażel pereżempju hija algoritmu. Jekk timxi magħha, taħmi erba' qagħaqiet tajbin.
Ovvjament l-algoritmi tagħna huma ftit iktar kumplikati minn riċetta tal-qagħaq tal-għasel. Aħna nużaw għadd ta' algoritmi li jiddependu minn xulxin u li iktar ma tuża s-servizzi tagħna, iktar jagħtuk riżultati aħjar. Jekk pereżempju tiftaħ ħafna kontenut bis-suġġett tal-isport u turina li ma tħobbx tintwera pariri fuq ix-xagħar u l-makeup, l-algoritmu se jagħti toqol ikbar lill-kontenut bis-suġġett tal-isport u jaqbeż il-pariri tal-makeup. Imma mbagħad lanqas m'aħna se nuruk biss kontenut bis-suġġett tal-isport. Aħna nemmnu importanti li nuru firxa wiesgħa ta' kontenut biex ma nagħlqukx f'kamra b'eku li jirbombja.
2. Kif Nagħrblu l-Kontenut
Ir-Regoli tal-Komunità tagħna għandhom regoli apposta dwar il-kontenut li ma jistax jintwera fuq Sejjieba u Spotlight. Irridu li Snapchat ikun imkien sigur u pożittiv għal kulħadd u għalhekk ma naċċettawx kontenut li pereżempju jkun fih kontenut sesswalment espliċitu, imġiba perikoluża jew vjolenti, li jgħinek tikser il-liġi jew li jxerred informazzjoni qarrieqa.
Aħna nagħmlu l-almu tagħna biex niżguraw li l-kontenut li jintwera lill-komunità ta' Snapchat ikun ta' kwalità tajba biżżejjed—nagħrblu l-kontenut awtomatikament ħalli insibu l-kontenut ta' ħsara u għandna tim b'nies imħarrġa li jerġgħu jagħrblu l-kontenut huma wkoll.
3. Kif Nifhmu l-Kontenut u l-Preferenzi tal-Utenti
Biex nifhmu l-kontenut u l-preferenzi tal-utenti jeħtieġ li nagħmlu ftit xogħol. L-ewwel niġbru l-kontenut kollu li ttella' fuq Sejjieba u Spotlight u nagħtuk tikketta—pereżempju “sport”, “makeup” jew “klieb”. Dal-proċess jitwettaq kemm min-nies kif ukoll awtomatikament bil-kompjuters. Il-membri tat-tim tagħna jaraw il-kontenut mibgħut lil Sejjieba u Spotlight u jagħtuh tikketta skont dak li jaraw. Għalhekk jekk il-vidjo li ttella' fuq Spotlight ikun ta' ġriewi qed jiġru wara ballun, aħna nistgħu nagħtuh it-tikketta “ġriewi qed jilgħabu bil-ballun fuq barra”. Il-kontenut nagħtuh tikketta wkoll skont il-kliem ewlieni li jintuża. Jekk ittella' xi kontenut fuq Spotlight bil-kliem ewlieni “il-ġeru sabiħ tiegħi”, aħna nistgħu nużaw dik il-frażi u nagħtu lill-kontenut it-tikketta ta' “ġeru”.
Wara li nkunu tajna tikketta lill-kontenut, ngħaddu għall-pass li jmiss fejn nifhmu jekk il-kontenut li tiftaħ hux jogħġbok. Hemm għadd ta' modi kif nippruvaw nifhmu x-xorta ta' kontenut li jogħġbok. Jekk pereżempju tinkiteb ma' Snapchatter, taqsam Spotlight ma' Sħabek jew timmarka li kontenut jogħġbok, aħna se nqisuhom sinjali li l-kontenut għoġbok. Min-naħa l-oħra, jekk taqbeż, tirrapporta jew taħbi l-kontenut, aħna se nużaw dak l-għemil bħala sinjal li l-kontenut m'għoġbokx. Sinjali oħra li nużaw biex nifhmu x'jogħġbok huma l-ħin li żżomm il-kontenut miftuħ u jekk tħallihx jintwera kollu.
4. Kif Nuru Kontenut Xieraq għall-Età u l-Ilsien
Aħna nixtiequ niżguraw li l-kontenut li nuruk ikun xieraq għall-età tiegħek u għall-ilsien li titkellem. Biex nagħmlu hekk inqisu l-pajjiż, l-ilsien u l-età tiegħek li tkun tajtna int u toħloq kont u l-età li naħsbu li għandek skont sħabek u l-imġiba tiegħek fuq il-pjattaforma. Aħna nużaw din l-informazzjoni biex norbtuk ma' grupp ta' utenti tal-età tiegħek li jogħġbuhom l-istess ħwejjeġ bħalek. B'hekk inkunu nistgħu nagħrfu l-kontenut addattat għalik, bl-ilsien li titkellem u li jkun addattat għall-post fejn tinsab.
5. Kif Insarbtu l-Kontenut
Issa li mmarkajna l-kontenut u fhimna liema kontenut naħsbu li se jogħġbok, ikun wasal iż-żmien li niżguraw li tara l-kontenut fl-ordni t-tajjeb: dal-proċess jissejjaħ "sarbit".
Aħna nsarbtu jew norganizzaw il-kontenut ta' Sejjieba u Spotlight skont dak li jogħġob lilek u skont ma nkunu fhimna x'fih il-kontenut. Nagħmlu hekk billi nippruvaw inbassru l-probabbiltajiet tal-għemil li taf tagħmel meta tintwera kontenut partikolari—bħal jekk hux se timmarkah bħala kontenut li jogħġbok jew taqsmu mal-oħrajn—u l-ħin li naħsbu li se tqatta' fuqu.
Nużaw għadd ta' sinjali biex inbassru l-għemil li taf tagħmel. Billi ħadd mhu l-istess, kull sinjal se jingħata toqol differenti aħna u nbassru l-imġiba ta' kull utent. Biex nagħtu eżempju, is-sinjal li jqis l-għemil tal-utent fuq il-kontenut fl-imgħoddi (bla dubju) mhux se jingħata toqol jekk l-utent ikun ġdid. Min-naħa l-oħra, għal Spotlight, fost l-iktar sinjali li ħafna drabi jingħataw toqol aħna u nsarbtu l-kontenut hemm:
- Pajjiżek, ilsienek, l-età u ġens li nużawhom biex nuruk kontenut lokali addattat għad-demografija tiegħek
- Kontenut jew ħallieqa li naħsbu li se jogħġbuk għax kont qed tara kontenut li jixbah lil tagħhom, li immarkajt li "jogħġbok", li nktibt għalik, li qsamtu mal-oħrajn jew li kkummentajtu
- Kontenut jew ħallieqa li naħsbu li se jogħġbuk minħabba l-kategorija tal-kontenut tal-Istorja (eż. l-istorja tkun dwar il-ġriewi“”) u l-metadejta tal-Istorja bħal pereżempju kemm damet miftuħa storja fuq it-tagħmir tiegħek, min hu l-ħellieq u informazzjoni oħra bħall-post minn fejn intbagħtet, l-ilsien tal-kontenut u l-hashtags tal-kontenut
- Kontenut li naħsbu li mhux se jogħġbok għax għażilt li taħbih jew tirrappurtah
Minbarra dawn inqisu wkoll sinjali oħra imma das-sinjali l-oħra ħafna drabi għandhom inqas toqol fuq is-sistema tas-sarbit tal-kontenut. Fosthom hemm:
- Il-kategoriji tal-kontenut li jogħġbok bħal “ġriewi” jew “sport”, skont il-kontenut li ttella' jew l-għemil li maż-żmien twettaq fuq il-kontenut
- Informazzjoni dwar il-ħallieq tal-konenut li tiftaħ bħal pereżempju l-pajjiż, l-ilsien u l-kategoriji tal-kontenut tal-ħallieq (eż.: dal-ħallieq itella' ħafna kontenut dwar il-“baskitbol” jew il-“prodotti tas-sbuħija”) - b'hekk nifhmu li ħallieqa bħal dawn jafu jogħġbuk!
- Nafu nuruk xi kontenut imtella' minn ħallieq li għadek ma rajtx il-kontenut tiegħu għax mill-istatistika (il-pajjiż, l-ilsien, l-età u l-ġens tal-ħallieq) nafu li ħafna drabi jogħġob lil utenti oħra bl-istess karatteristiċi demografiċi bħalek
- Nafu nuruk kontenut imtella' minn ħallieq li għadek ma rajtx il-kontenut tiegħu għax inktibt ma' ħallieqa li jixbhuh
Fl-aħħar inqisu:
- L-għamla tat-tagħmir, ix-xorta ta' netwerk u r-reġjun tiegħek biex inkunu nistgħu nuruk kontenut lokali addattat għat-tagħmir tiegħek!
- L-imġiba ta' sħabek marbuta ma' Stejjer - jekk xi ħadd minn sħabek jimmarka l togħġbu Storja, naħsbu li taf togħġob lilek ukoll!
- Nafu nuruk kontenut imtella' minn ħallieq li għadek ma rajtx il-kontenut tiegħu għax nafu (mill-imġiba ta' utenti oħra marbuta mal-kontenut tal-ħallieq) li dak il-ħallieq ħafna drabi jogħġbok lil utenti oħra bl-istess karatteristiċi demografiċi bħalek.
It-tbassir imbagħad jintuża biex nagħtu punteġġ lil kull biċċa kontenut. Il-biċċiet tal-kontenut jinsarbtu skont dawn il-punteġġi u wara nagħmlu xi bidliet u nqiegħdu limiti oħra biex niżguraw li tintwera firxa wiesgħa ta' kontenut.
Aħna nittamaw li meta nsarbtu l-kontenut hekk, l-algoritmu jirnexxielu jurik il-kontenut li jolqtok l-iktar. Jekk ma jkunx qed jiġri hekk, tista' tgħin lill-algoritmu jaħdem aħjar billi żżomm il-kontenut li jogħġbok miftuħ għal ħin itwal, tinkiteb mal-ħallieqa li jogħġbuk, timmarka liema kontenut jogħġbok u taħbi u taqbeż il-kontenut li ma jogħġbokx.
L-Importanza ta' Firxa Wiesgħa ta' Kontenut
Aħna nemmnu li importanti ħafna li tintwera firxa wiesgħa ta' kontenut. Jekk qed tqatta' ħafna ħin tara l-vidjos tal-baskitbol, anki jekk naħsbu li int u Snapchatters li jixbhuk jinteressakom l-iktar il-baskitbol, nafu nibdew nuruk ftit kontenut fuq suġġetti oħra. Għalhekk nafu nuruk ukoll xi vidjos bil-futbol, bl-aħħar aħbarijiet jew vidjos interessanti oħra li naħsbu li jafu jogħġbuk.
Aħna nemmnu li din il-ħaġa tgħinek issib ħwejjeġ ġodda li jafu jogħġbuk u ma tħallikx tingħalaq f'“kamra bl-eku jirbombja” fejn tara biss l-istess xorta ta' kontenut li jirrepeti l-istess ħsibijiet mingħajr ma tintwera fehmiet jew esperjenzi oħra.
Kontrolli tal-Personalizzazzjoni
Jekk tgħix fiż-Żona Ekonomika Ewropea, fir-Renju Unit, jew fl-Isvizzera għandek l-għażla li tiddiżattiva r-rakkomandazzjonijiet personalizzati tal-kontenut pubbliku. F'Discover u Spotlight, inti tista' tiddiżattiva kontenut personalizzat jew billi tagħfas fuq '...' imbagħad 'Għaliex qed nara dan il-kontenut?' li se tieħdok fis-Settings, jew tista' tmur direttament fis-Settings u 'Kontrolli tal-Personalizzazzjoni.' Meta titfi l-personalizzazzjoni, il-kontenut pubbliku li nissuġġerulek se jissejjes biss fuq dejta bażika bħall-ilsien li tkun qed tuża fuq il-mowbajl tiegħek, kemm ikollok żmien u l-pajjiż tiegħek. Xorta se tintwera l-kontenut imma dal-kontenut se jkun iktar każwali u inqas addattat għal dak li jogħġbok. Żomm f'moħħok li jafu ikun hemm ftit tad-dewmien qabel ix-xorta ta' kontenut muri jinbidel. Jekk inti ddiżattivajt il-personalizzazzjoni imma tixtieq terġa' tattivaha, tista' tagħmel dan jew billi tagħfas fuq l-ikona favorita (♥️) f'Discover u Spotlight u mbagħad tagħfas fl-iskrin 'Ippermetti' fil-'Uri Aktar Kontenut Personalizzat?' iskrin jew billi tmur fil-Settings fi 'Kontrolli tal-Personalizzazzjoni.'